Ma tantx jinkitbu kotba dwar il-filosofija politika bil-Malti.  Ir-raġunijiet jistgħu jkunu numerużi pero s-sitwazzjoni fattwali hija dik. Dan il-ktieb huwa tip ta’ tluq minn dik is-sitwazzjoni. Jidher ukoll li l-mod kif qed issir il-politika f’Malta, u wieħed jazzarda jgħid barra minn Malta, huwa wkoll xi ftit pragmatiku, iktar dwar is-sodisfazzjon tal-klijent u inqas dwar prinċipji. Realistikament, fil-politika huma ferm importanti l-istrateġija, il-kuntatt man-nies, u l-wegħda ta’ ħajja aħjar. Hawn min jgħid li l-poltika hija 1% ispirazzjoni u 99% perisperazzjoni.

Madankollu, minkejja li dan kollu jista’ jkun minnu, huwa minnu wkoll li dak il-1% jrid inevittabbilemnt jispira u jiġġustifika d-99% tax-xogħol l-ieħor. Sabiex jintlaħaq dan l-iskop irid jsir ħafna ħsieb. Dan il-proċess ta’ ħsieb huwa parti essenzjali mill-filosofija politika. Dan il-ktieb huwa tentattiv umli sabiex jiftaħ diskussjoni fuq il-livell ta’ dak il-1%. Il-ktieb filwaqt li indirizzat lejn kulħadd li jinteressah jaqra dwar il-filosfija politika b’mod ġenerali u dwar il-ġid komuni b’mod partikolari, għandu jkun ta’ interess, wieħed jittama, għal dawk li jixtiequ jaħsbu iktar fil-fond jew iktar fil-wisa’ dwar dan is-suġġett. Jiġu f’moħħ dak li jkun gamma sħiħa ta’ persuni, minn studenti universitarji li jixtiequ jiktbu fuq din tema sa politiċi li jridu ġabra analitika dwar dan il-kunċett li tant jissemma u fl-istess ħin jibqa’ tant misterjuż.

Dan il-ktieb ma huwiex manwal ta’ x’għandu wieħed jaħseb jew x’għandu jagħmel, iżda huwa iktar suġġeriment ta’ kif wieħed jista’ jibda djalogu fil-politika fuq livell li ma huwiex dak ta’ konfrontazzjoni iżda wieħed ta’ kooperazzjoni. B’dan il-prinċipju bħala sinsla kunċettwali tal-proġett wassal għat-tqassim finali tal-manuskritt f’żewġ taqsimiet. L-ewwel taqsima tal-ktieb tanalizza l-interazzjoni bejn il-filosofija politika u l-ġid komuni mill-ottika ta’ għażla ta’ filosfi u movimenti. It-tieni taqsima tiffoka iktar fuq l-aspetti kunċettwali tal-ġid komuni. Dan il-ktieb intbagħat għall-pubblikazzjoni fl-eqqel tal-pandemija tal-COVID-19 jew kif inhu magħruf aħjar il-Coronavirus. Kriżi li wriet kemm hemm ħtieġa ta’ politika u ekonomija differenti minn dik attwali, fejn mikrobu żgħir ġab għarkobbtejhom gvernijiet ta’ pajjiżi kbar u farrak ekonomiji madwar id-dinja.

DWAR L-AWTUR

Alan Xuereb minn meta kien tifel kien affaxxinat bil-kożmoloġija, il-filosfija u l-politika. Huwa għandu dottorat fil-Liġi u għandu M.Phil. fil-filosofija tad-Dritt. Bejn l-1996 u l-2008 huwa ħadem bħala avukat f’Malta fejn ipprattika prinċipalment fil-qasam tad-dritt tal-familja u fejn iddedika ruħu fost l-oħrajn sabiex jgħin lill-foqra moħbija. Prinċipalment bl-involviment tiegħu fil-Moviment Era Ġdida, kif ukoll bil-ħidma tiegħu fl-Ordni Dumnikan.

Huwa kien ukoll uffiċjal legali fid-Direttorat tal-Unjoni Ewropea fiż-żmien meta Malta kienet qed tinnegozja l-adeżjoni tagħha mal-Unjoni Ewropea. Sussegwentement huwa aġixxa wkoll bħala konsulent dwar id-dritt tal-Unjoni Ewropea għal diversi kumpanniji, organizzazzjonijiet u aġenziji governattivi. F’dan il-perijodu wkoll huwa ġie appuntat bħala CEO ta’ kumpannija tat-traduzzjonijiet u tal-konsulenza dejjem fil-qasam tal-Unjoni Ewropea. Illum il-ġurnata jaħdem bħala ġurista-lingwista mal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fil-Lussemburgu.

Dr. Xuereb huwa miżżewweġ lil Silke (nee Maninger) u għandhom żewġt itfal, Tristan u Alea. Huma jgħixu ġewwa Tawern fil-Ġermanja. Dr. Xuereb huwa membru tar-Royal Institute of Philosophy ta’ Londra u huwa membru attiv tal-Philosophical Society ta’ Oxford. Huwa awtur ta’ diversi artikli f’ġurnali Maltin u f’diversi rivisti ta’ xeħta filosofika fir-Renju Unit. Huwa jikteb fuq temi filosofiċi differenti partikolarment dwar il-filosofija politika, l-moralità u d-dritt u l-metafiżika. Dan il-ktieb huwa l-qofol ta’ snin ta’ riflessjoni dwar il-ġid komuni.

“Il-ktieb ta’ Alan Xuereb għandu jkun textbook bħala introduzzjoni għal kull min qiegħed jew irid jidħol fil-politika… anzi f’kull qasam fejn id-deċiżjonijiet u l-ħidma  ta’ dak li jkun ser tolqot il-komunità – f’kull settur ekonomiku, kummerċjali, soċjali, reliġjuż u kulturali.”

Dr. Louis Galea – Prologu

“Dawn ir-‘Riflessjonijiet dwar il-Ġid Komuni’, miġbura minn Dr. Alan Xuereb jelaboraw b’mod l-aktar ċar, loġiku u sistematiku dawn il-kunċetti. Għalkemm inkiteb ħafna dwar dan is-suġġett, il-mod organizzat li bih jiġu ppreżentati dawn ir-riflessjonijiet, hekk imsejħa f’dan il-ktieb, jagħmlu din il-biċca xogħol akkademika oriġinali u siewja ħafna għall-qari.”

Rev. Prof. Charles Tabone O.P. - Daħla

“Kif wera l-awtur b’tant ħila, l-ġid komuni ma huwiex għalhekk kunċett astratt iżda realtà li tista’ timmaterjalizza ruħha f’dawn il-ħafna elementi li ssemmew.”

Dr. Bernard Grech - Epilogu